Community Support Scheme to open on 29th October

MCVS has launched the Community Support Scheme (CSS) for the first time. Applications will be found at vofunding.org.mt as from Wednesday 29th October at noon and will remain open until Wednesday 10th December 2025 at noon.

Total budget for this scheme is €800,000 and will be addressing the needs of 21 local councils, 4 regional councils and around 900 voluntary organisations in localities that do not qualify under the EU’s LEADER Programme.

The CSS official launch took place at the Prince of Wales Own Band Club, which is one of the eligible VOs.

Click HERE for more guidelines and the application form once the fund opens.

Jitħabbru d-dettalji dwar il-Community Support Scheme (CSS): skema ġdida li tikkumplimenta l-fondi tal-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea

Ġie mħabbar li, nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ottubru 2025, ser tkun qed tiftaħ għall-ewwel darba l-Community Support Scheme (CSS). Din l-iskema ġdida se tindirizza l-ħtiġijiet ta’ 900 għaqda volontarja, 21 kunsill lokali u 4 kunsilli reġjonali li jinsabu f’lokalitajiet li ma jikkwalifikawx għall-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea. Il-baġit allokat għal din l-iskema huwa ta’ €800,000.

Din it-tħabbira saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, waqt żjara fl-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), Mauro Pace Parascandalo, u s-Sindku tal-Birgu, John Boxall.

Matul is-snin, il-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea ġie rikonoxxut bħala suċċess u huwa mod innovattiv ta’ kif jgħin fl-iżvilupp ta’ żoni rurali. Madanakollu, dawn il-fondi huma indirizzati speċifikament għal proġetti li jitwettqu f’lokalitajiet meqjusa rurali u, għaldaqstant, numru ta’ lokalitajiet f’Malta ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-fondi. Għaldaqstant, din l-iskema se tindirizza din is-sitwazzjoni u tappoġġja lil dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huma bbażati f’lokalitajiet li mhumiex eliġibbli taħt il-programm LEADER.

Għall-Community Support Scheme ser ikunu eliġibbli l-kunsilli lokali u reġjonali, kif ukoll għaqdiet volontarji minn 21 lokalità f’Malta. Dawn il-lokalitajiet huma Ħal Balzan, Birkirkara, Bormla, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, il-Birgu, il-Fgura, il-Furjana, il-Gżira, il-Ħamrun, l-Imsida, l-Isla, il-Marsa, Paola, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Tal-Pietà, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex.

Is-sejħa għall-proposti bit-termini tinsab fil-portal tal-MCVS vofunding.org.mt, flimkien ma’ linji gwida u għajnuna għall-għaqdiet sabiex jiġu megħjuna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. 

Il-Ministru Julia Farrugia qalet kif “din l-iskema ġdida se tagħti ċans lil kull lokalità biex tikber u tiżviluppa skont il-bżonnijiet tagħha, anke f’dawk iż-żoni li s’issa ma setgħux jibbenefikaw mill-fondi Ewropej LEADER. Permezz ta’ din l-iskema qed noħolqu aktar spazji għal kollaborazzjoni, għal ideat ġodda u għal proġetti li jsaħħu s-soċjetà ċivili tagħna. L-inklużjoni tfisser li ħadd ma jitħalla lura, u dan hu eżattament dak li rridu niksbu b’din l-inizjattiva, billi nagħtu s-saħħa lill-kunsilli u lill-għaqdiet biex ikomplu jservu lill-komunitajiet tagħhom b’ħeġġa u viżjoni.”

Mauro Pace Parascandalo, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li “din l-iskema ser tkun qed tingħaqad ma’ kullana sħiħa ta’ servizzi u fondi li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jipprovdi kontinwament lill għaqdiet.” Huwa ħeġġeġ lill-għaqdiet u l-kunsilli li huma eliġibbli sabiex jidħlu fil-portal vofunding.org.mt u minn hemm isibu l-informazzjoni u l-għajnuna li għandhom bżonn ħalli jkomplu jwettqu proġetti għall-ġid tal-kommunitajiet tagħna.

L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu sal-Erbgħa 10 ta’ Diċembru 2025.