INAWGURAT IT-TIENI ĊENTRU GĦALL-VOLONTARJAT FIL-QAWRA

 INAWGURAT IT-TIENI ĊENTRU GĦALL-VOLONTARJAT FIL-QAWRA

Iċ-ċentru se jkun qed jaħdem f’sinerġija maċ-ċentru LEAP li jinsab fl-istess akwata

Nhar is-Sibt 24 ta’ Jannar 2014 il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli inawgurat it-tieni ċentru għall-volontarjat fil-Qawra li se jkun qed jikkumplimenta dak tal-Belt Valletta.

Dan l-NGO Hub huwa ħolqa oħra f’kullana ta’ tliet ċentri għall-għaqdiet volontarji mwiegħda mill-Gvern għal dan is-settur, u se joffri spazju għall-għaqdiet volontarji tat-tramuntana biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’risq is-soċjetà ċivili.

Dawn iċ-ċentri huma mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u se jservu kemm sabiex jitrawwem u jiżviluppa l-volontarjat fil-komunità, kif ukoll sabiex l-organizzazzjoni volontarji jsibu s-sostenn fl-operat tagħhom, speċjalment dawk ta’ daqs żgħir u medju.

Iċ-ċentru tal-Qawra xorta se jkun qed joffri l-istess servizzi bħal dak tal-Belt, b’enfażi partikolari fuq il-komunitajiet diversi li dan iħaddan fih.

 L-attivita’ infetħet mis-Sur Mauro Pace Parascandalo, Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li fl-introduzzjoni tiegħu irringrazzja lil kull min għin sabiex dan it-tieni Ċentru jinfetaħ.  Dan setgħa jsir bis-support kemm tal-Ministeru tad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili kif ukoll tal-kollaborazzjoni minn naħa tal-Manager tal-Qawra Leap Centre, is-Sur Martin Chetcuti u t-tim tiegħu.

Is-Sur Nathan Farrugia, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, fid-diskors tiegħu esprima s-sodisfazzjon tal-Kunsill għal dan it-tieni proġett li l-għan prinġipali tiegħu huwa li jgħin lill-għaqdiet sabiex ikollhom post minn fejn jistgħu joperaw kif ukoll post fejn jista’ jkompli jixpruna s-sinerġiji bejn entitajiet u għaqdiet diversi.

F’diskors li għamlet il-Ministru Helena Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-ħidma li qed iwettaq il-Kunsill tal-Volontarjat fejn fi spazju ta’ sitt ġimgħat infetħu żewġ ċentri għall-volontarjat, wieħed fiċ-ċentru ta’ Malta u issa ieħor biex ikopri t-tramuntana tal-pajjiż.

Hija tkellmet fuq ix-xogħol importanti li jagħmlu l-għaqdiet volontarji f’pajjiżna biex itejbu l-ħajja tan-nies, u qalet li l-gvern huwa fid-dover li jagħtihom l-appoġġ kollu neċessarju, mhux lanqas dak finanzjarju. F’dan ir-rigward semmiet kif il-gvern reġa’ żied il-vot għal dan is-settur.

Dr Dalli qalet li dan il-proġett huwa eżempju tajjeb ta’ kif Ministeri differenti jikkollaboraw flimkien fejn b’ħiliet differenti jingħata servizz aħjar b’valur akbar għal flus li jintefqu. Fissret kif dan iċ-ċentru se jkun qed jaħdem f’sinerġija maċ-ċentru LEAP li jinsab fl-istess akwata u b’hekk, il-komunità u l-għaqdiet li joperaw minnha issa ser ikollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi aktar wiesa’ mogħtija mill-Gvern.

Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar il-pjani tal-Gvern li fix-xhur li ġejjin jibda bix-xogħol biex ikun jista’ jinfetaħ it-tielet ċentru tal-volontarjat fin-nofsinhar ta’ Malta.

Min-naħa tiegħu il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia saħaq li l-volontarjat huwa parti mis-sinsla ta’ pajjiżna fejn mingħajr il-volontarjat pajjiżna ma jkunx l-istess. Huwa qal li l-gvern qed jirrikonoxxi dan il-fatt b’numru ta’ inizjattivi li qed isiru bil-għan li l-għaqdiet tal-volontarjat ikunu jistgħu jiksbu aktar faċilitajiet biex jaħdmu b’mod effettiv fis-soċjetà Maltija.

Il-Ministru Farrugia semma’ kif il-ħidma mwettqa miċ-Ċentu LEAP tal-Qawra tikkumplimenta l-iskop ta’ dan il-Hub u li permezz ta’ kollaborazzjoni ma diversi entitajiet, il-maniġment taċ-Ċentru qed jaħdem mill-qrib biex jistabbillixxi numru ta’ inizjattivi flimkien mal-kunsilli lokali tat-tramuntana u mar-reġjun biex b’hekk jinħolqu proġetti ta’ taħriġ u empowerment fil-komunità.

“Is-Sinerġija bejn iċ-Ċentu LEAP tal-Qawra, il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-istakeholders li huma interessati li jikkontribwixxu favur komunità aktar b’saħħitha għandha tkun riċetta importanti biex flimkien inkomplu naħdmu favur soċjetà ġusta” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Ministru Helena Dalli kixfet plakka kommemorattiva fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia filwaqt li b’mod simboliku nxtegħlu xemgħat mill-fjamma tal-paċi f’Betlehem li tissimbolizza l-għaqda bejn l-għaqdiet volontarji.

Visit Covid-19 Malta Info Page for details

Covid19 Infopage