Imħabbra attività ta’ ġurnata għall-familja kollha organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ħabbar l-attività Together We Shine – Family Fun Fest, avveniment ta’ ġurnata għall-familja kollha li ser ikun qiegħed jittella’ nhar il-Ħadd 20 t’Ottubru bejn l-10am u l-4pm fil-park tal-familja San Klement, Ħaż-Żabbar. Ser ikun hemm diversi attivitajiet, fosthom numru ta’ għaqdiet volontarji li ser ikunu qegħdin jesebixxu u jbiegħu diversi prodotti differenti, flimkien ma’ divertiment għat-tfal u attivitajiet interattivi għall-pubbliku li ser ikun qiegħed iżur. Fost dawn ser ikun hemm logħob tal-futbol minn Frame Football Malta, treasure hunt minn Embrace Diversity Organisation, first aid għat-tfal minn Badel Powell Scouts Malta, prestazzjoni mużikali minn VOCA u l-Malta Society for the Deaf, u ħafna aktar.
Din l-attività għandha l-għan prinċipali li tippromwovi l-inklużjoni u tiffaċilita opportunitajiet ta’ volontarjat inklussivi għal persuni b’diżabilità. Għaldaqstant, aspett importanti huwa li l-għaqdiet parteċipanti ser ikunu mgħejjuna minn voluntiera b’diżabilità matul l-attività, fejn dawn anki ser ikunu preparati minn qabel permezz ta’ taħriġ u tħejjija għal dan l-avveniment. Dan qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Sapport u għaqdiet oħra li huma esperti f’dan is-settur.
Minn naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret kif din l-attività tiġbor f’daqqa l-importanza tal-inklużjoni u l-volontarjat. “Din il-ġurnata hija okkażjoni speċjali biex nuru l-valur tal-volontarjat u l-kontribuzzjoni li l-persuni b’diżabilità kapaċi jagħtu lis-soċjetà tagħna. Hija opportunità biex nippromwovu l-inklużjoni u niżguraw li kull individwu, irrispettivament mill-isfidi li jiffaċċja, ikollu l-appoġġ meħtieġ biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. B’kollaborazzjoni bejn il-voluntiera u l-persuni b’diżabilità, nistgħu nibnu komunitajiet aktar b’saħħithom u ġusti għal kulħadd.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo qal li attività bħal din tgħaqqad diversi aspetti tax-xogħol tal-Kunsill fil-qasam tal-volontarjat. Huwa spjega li l-għaqdiet volontarji li ser ikunu preżenti mhux biss se jippromwovu x-xogħol tagħhom imma anki se jgħinu u jagħtu opportunità ta’ volontarjat lill-persuni b’diżabilità.
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fejn permezz tal-proġett VERA, qed iqajjem aktar għarfien dwar il-validità u l-importanza tal-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-settur tal-volontarjat. Tenna li fejn jista’ jkun hemm perċezzjoni li persuni b’diżabilità jibbenefikaw minn servizzi mogħtija minn voluntiera, attivitajiet u proġetti bħal dawn ipoġġu wkoll enfasi fuq l-abbiltajiet tal-persuni b’diżabilità u l-kontribut soċjali li jistgħu joffru huma stess.
Is-Sur Scicluna kompla li minbarra involviment fuq diversi livelli sabiex tkun tista’ tittella din il-Family Day, il-proġett VERA serva wkoll sabiex persuna b’diżabilità mis-Servizzi ta’ Matul il-Jum ta’ Aġenzija Sapport, jibbenefika minn taħriġ fl-Italja u fi Brussell dwar involviment fil-volontarjat fix-xhur li għaddew.
Din l-attività hija parti minn għotja ta’ madwar €11,200 miċ-Ċentru Ewropew tal-volontarjat (CEV) lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat bħala parti mill-proġett Volunteering Equality Rights Action (VERA) 2024. Grazzi kbira wkoll lil Project Green tal-għajnuna pprovduta sabiex tittella’ l-attività fil-park San Klement.
Facebook event page: https://www.facebook.com/events/860823316114720