Jitħabbru d-dettalji tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2023

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ħabbar it-tnedija tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat. L-għan ta’ din l-inizjattiva hi li tagħti rikonoxximent lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur, fejn bil-kontribuzzjonijiet tagħhom jagħmlu soċjetà aħjar.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dawn il-premjijiet bħala “vetrina ta’ role models, persuni ta’ ispirazzjoni għall-bqija tal-komunitajiet tagħna li bil-kontribut tagħhom ikunu ħallew legat u marka sabiħa fis-soċjetà.”

Apparti l-premju prinċipali, li huwa l-Premju Nazzjonali tal-Voluntier tas-Sena, hemm ukoll diversi oħrajn. Dawn jinkludu l-Premju Voluntier Żagħżugħ/a li huwa għal dawk ta’ bejn 16 u 30 sena, Premju Nazzjonali għal Organizzazzjoni Volontarja, u Premju għal Kumpanija privata li ddistingwiet ruħha fis-sapport li tagħti. Hemm ukoll, għat-tieni sena, il-Victor Calvagna Children Volunteer Award, li jingħata lil voluntier ta’ bejn 10 u 15-il sena. Jiġi ppreżentat ukoll premju speċjali għas-servizz volontarju, li jingħata direttament mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għal servizz eċċellenti fis-settur tal-volontarjat.

Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, qalet li dan il-premju jkompli jibni fuq it-tema prinċipali li għażel il-Kunsill għall-okkażjoni tal-għeluq tal-15-il sena mit-twaqqif tiegħu, li hija dik li nagħtu l-vuċi u viżibilità lis-settur tal-volontarjat. “Huwa importanti li nirrikonoxxu x-xogħol li jagħmlu l-voluntiera billi nisimgħu l-vuċi tagħhom u anki nesponu dan ix-xogħol billi nżidu l-viżibilità li jixraq lil dan is-settur.”

Is-Sur Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, għamel appell lill-għaqdiet u lill-voluntiera biex jagħżlu lil entitajiet u persuni li jafu li qegħdin jagħmlu l-ġid u jinnominawhom. “Dawn il-premjijiet dak hu l-iskop tagħhom. Li nirrikonoxxu lil min normalment jaħdem fil-kwiet u mingħajr daqq tat-trombi, imma li l-ġid li qed jagħmlu nsiru nafu bih u niċċelebrawh flimkien bħala soċjetà.”

Il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat huwa inizjattiva mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. Il-formoli, li għandhom jimtlew sabiex jiġu sottomessi n-nominazzjonijiet mill-pubbliku, fetħu l-Ġimgħa 29 ta’ Settembru u jagħlqu l-Ġimgħa 27 t’Ottubru 2023 f’nofsinhar. Dawn jinkisbu mill-portal vofunding.org.mt. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet ser issir fil-5 ta’ Diċembru 2023, b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat kommemorat min-Nazzjonijiet Uniti. Aktar informazzjoni mis-sit tal-Kunsill, maltacvs.org u minn vofunding.org.mt.