Jibdew ix-xogħlijiet fuq il-ħames Ċentru għall-Volontarjat f’Kordin

Bdew ix-xogħlijiet f’dak li ser ikun il-ħames Ċentru tal-Volontarjat tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Wara l-Belt Valletta, ir-Rabat, Birkirkara u x-Xewkija f’Għawdex, dan ta’ Kordin huwa intiż biex iservi lill-għaqdiet tan-Nofsinhar ta’ Malta. B’dan l-investiment, l-għaqdiet volontarji rreġistrati bħala VOs se jkunu jistgħu jinqdew b’faċilitajiet u riżorsi, u jużaw dan l-ispazju biex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo żaru x-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin f’dan iċ-ċentru.

Iċ-ċentru ser jingħata l-isem Ċentru għall-Volontarjat Jake Vella. B’hekk il-memorja ta’ Jake tibqa’ mfakkra fost il-voluntiera kollha li tul is-snin li ġejjin ser ikollhom l-opportunità li jaħdmu minn dan iċ-ċentru. B’mod volontarju u minkejja t-tbatijiet li kien għaddej minnhom, Jake ħoloq inizjattivi sabiex jinġabru fondi għall-annimali abbandunati.

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dan iċ-ċentru huwa turija ta’ kemm il-Gvern lest jinvesti fit-tisħiħ tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna. “Din il-faċilità moderna, se tingħaqad maċ-ċentri l-oħra biex toffri lill-għaqdiet tagħna r-riżorsi, l-ispazju, u s-sostenn meħtieġ biex ikomplu bix-xogħol imprezzabbli tagħhom fil-komunitajiet tagħna. Dan mhuwiex biss bini; iżda wegħda minn dan il-Gvern biex insaħħu s-soċjetà ċivili, inrawmu kollaborazzjoni, u niżguraw li s-settur volontarju jkompli jiffjorixxi. Qed inwettqu dan l-impenn tagħna filwaqt li nżommu ħajja l-memorja tal-mibki Jake Vella li se’ jibqa’ mfakkar bħala xempju u mudell li għandna nimitaw, kemm fis-settur tal-volontarjat u anki oltre,” temmet tgħid il-Ministru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li dan iċ-ċentru ser ikun inizjattiva oħra importanti għaliex ser jilħaq għaqdiet li s’issa ma kellhomx faċilitajiet daqstant viċin. “L-iskop ta’ dawn iċ-ċentri kien mill-bidu nett li jkun hemm firxa wiesgħa ħalli jkunu f’kull naħa tal-gżejjer Maltin biex ikunu viċin ta’ fejn hemm l-għaqdiet u fejn hemm il-volontarjat. Ġaladarba dan iċ-ċentru jiftaħ, nistgħu ngħidu li issa lħaqna l-milja ta’ din l-inizjattiva u allura għandna servizz aċċessibbli għall-għaqdiet li jixtiequ jagħmlu użu minn dawn iċ-ċentri mifruxa ma’ Malta u Għawdex.”

Huwa mistenni li dan iċ-ċentru jiftaħ il-bibien tiegħu għall-użu tal-għaqdiet volontarji għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

The fifth MCVS Volunteer Centre

Works have officially started in what will be the fifth Volunteer Centre administered by MCVS. After Valletta, Rabat, Birkirkara and Xewkija in Gozo, this in Kordin, Paola, is intended to serve VOs in the south of Malta and provide them with facilities and resources.

The Minister for Inclusion and the Voluntary Sector Julia Farrugia and MCVS CEO Mauro Pace Parascandolo visited the works that are currently underway in this center, which will be named after Jake Vella.