Premju Soċjetà Ġusta 2024 – Ċelebrazzjoni tal-ħidma u l-kisbiet fis-settur tad-diżabbilità

23 Jul 2024 - 00:00

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT 

Premju Soċjetà Ġusta 2024 – Ċelebrazzjoni tal-ħidma u l-kisbiet fis-settur tad-diżabbilità

Tnieda għal sena oħra Premju Soċjetà Ġusta, li huwa ċelebrazzjoni tal-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabbilità. Din it-tnedija saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza ta’ dan il-premju bħala prova tal-impenn tal-komunità lokali favur l-inklużjoni. “Dan il-premju jiċċelebra l-isforzi straordinarji ta’ individwi, u organizzazzjonijiet li jsaħħu d-drittijiet u l-ġid ta’ persuni b’diżabbiltà”, qalet il-ministru. Żiedet tgħid li dan il-premju jagħti ġieħ lil gruppi volontarji li jaħdmu bla waqfien biex joħolqu ambjent aktar inklużiv u ta’ appoġġ għal kulħadd. “Dan ir-rikonoxximent huwa riflessjoni tal-isforz kollettiv tagħna biex nibnu soċjetà fejn kulħadd huwa rispettat u inkluż. Inħares ’il quddiem biex nara nominazzjonijiet b’saħħithom u li jispirawna lkoll”, temmet tgħid il-ministru.

Il-Bord ta’ Evalwazzjoni se jkun qiegħed jilqa’ nominazzjonijiet għal 3 premjijiet:

  • Premju għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni:  

Dan il-Premju jirrikonnoxxi lil dawk l-għaqdiet volontarji li permezz tal-ħidma tagħhom xprunaw soċjetà aktar inklussiva.

  • Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabbiltà:

Dan il-premju jirrikonoxxi individwu li bi sforz eċċezzjonali u kisba matul perjodu sinifikanti, ħalla marka pożittiva fuq is-settur.

  • Premju Soċjetà Ġusta:
  • Dan il-Premju jirrikonoxxi individwu b’diżabbiltà li juri kwalitajiet li permezz tagħhom għamel jew għamlet differenza kbira u pożittiva f’dan is-settur.

Is-sett ta’ linji gwida u l-formola tan-nominazzjoni tinsab disponibbli fuq is-sit tal-Ministeru www.inclusion.gov.mt/useful-links/premju-socjeta-gusta u tista’ tintbagħat permezz ta’ email fuq skemi.miv@gov.mt jew inkella bil-posta fl-Uffiċċju tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat li jinsab f’89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Ħal-Lija.

L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar il-Ġimgħa, 30 t’Awwissu 2024 f’nofsinhar. Applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-għeluq ma jiġux kkunsidrati.

Is-serata tal-premjazzjoni se ssir nhar il- Gimgha 4 ta’ Ottubru 2024, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

Ritratt: MIV

Link għall-filmat: https://we.tl/t-hJiD1k2YzT

PR241235