F’Birkirkara ġie inawgurat ċentru ġdid ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli inawgurat ċentru ġdid f’Birkirkara, li ser ikun qiegħed jipprovdi appoġġ kontinwu lill-għaqdiet volontarji.

Dan iċ-ċentru, immexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), ser ikompli jibni fuq u jikkonsolida servizzi u opportunitajiet li l-Kunsill ilu jipprovdi għal dawn l-aħħar snin. Dan bil-għan li jgħinu lill-għaqdiet volontarji, partikolarment dawk żgħar u medji li jiddependu minn din it-tip ta’ għajnuna għall-operat tagħhom. It-tnedija ta’ dan iċ-ċentru hija wkoll wegħda elettorali oħra li qed tiġi mwettqa.

Dan iċ-ċentru ser jipprovdi one-stop-shop b’diversi faċilitajiet, fosthom informazzjoni dwar dak kollu disponibbli għall-voluntiera u l-għaqdiet volontarji mill-MCVS u entitajiet pubbliċi oħra li jappoġġjaw is-settur. Dan l-appoġġ ser jinkludi kemm għajnuna fir-reġistrazzjonijiet varji u anki opportunitajiet ta’ fondi u skemi. Dan iċ-ċentru ser jipprovdi wkoll żewġ kmamar fejn l-għaqdiet jistgħu jtellgħu laqgħat u attivitajiet oħra tagħhom. Dawn is-servizzi jkomplu jibnu fuq ċentri oħra simili li bħalissa l-MCVS għandha fil-Belt Valletta, r-Rabat (Malta) u x-Xewkija (Għawdex).

“L-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru ġdid mhux biss tfisser it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fir-rigward tas-settur tal-volontarjat, imma turi l-apprezzament tagħna għal ħidmet dan is-settur. Settur li għandna għaliex inkunu kburin bih, settur li ta kontribut kbir biex titkattar ħidmietna, għax wara kollox is-settur tal-volontarjat, fid-diversità ta’ ħidmietu, huwa mutur soċjo-ekonomiku komunitarju,” qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li permezz ta’ ċentru bħal dan, taħt id-direzzjoni tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, se tkun qed tisseddaq l-għajnuna mistħoqqa governattiva lill-għaqdiet volontarji biex titkattar ħidmiethom b’risq is-settur partikolari li jkunu qegħdin jaħdmu fih. “Aktar ma tkun faċilitata ħidmiethom aktar se jkunu qegħdin jikkontribwixxu lill-komunità li jgħixu fiha,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Sur Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, stqarr li l-idea wara dan iċ-ċentru hi li jilħqu aktar il-qalba tal-komunità fejn ħafna minn dawn l-għaqdiet ikunu nħolqu. “Wara l-Belt Valletta, ir-Rabat (Malta) u x-Xewkija, issa għandna post ieħor ċentrali li ser jilqa’ lill-għaqdiet. Għaldaqstant inħeġġuhom sabiex jersqu, jistaqsu u jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet intiżi għalihom,” stqarr il-Kap Eżekuttiv.

Iċ-ċentru ġdid, magħruf bħala Volunteer Support Centre, jinsab f’63, Triq tal-Ħerba, Birkirkara wara l-Bażilika ta’ Sant’ Elena. Ħaddiema tal-MCVS ser ikunu preżenti kull ġimgħa. Apparti dan, kull min jixtieq jirriżerva l-faċilità, jista’ juża s-sistema ta’ booking li hemm fuq maltacvs.org. Fuq dan is-sit, wieħed isib spjegazzjoni ta’ kif issir riżerva u wieħed jista’ jara wkoll, f’ħin reali, id-dati u l-ħinijiet disponibbli.​​​