Titnieda l-iskema VOPS 2024

Titnieda l-iskema VOPS li permezz ta’ fondi tgħin għaqdiet volontarji jwettqu proġetti fil-komunità b’enfasi fuq l-inklużjoni

Għaqdiet volontarji se jibbenefikaw minn skema ta’ kważi miljun ewro

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) reġa’ nieda l-iskema Voluntary Organisations Projects Scheme 2024, magħrufa aħjar bħala VOPS. Għaliha ġew allokati €800,000, li se jinqasmu bejn għaqdiet volontarji għal inizjattivi differenti bħal proġetti fil-komunità, inizjattivi ta’ infrastruttura jew riċerka. Taħt din l-iskema tul dawn l-aħħar seba’ snin ġew allokati madwar €6.5 miljuni.

Il-proġetti eliġibbli jistgħu jkunu mill-oqsma kollha mis-settur tal-volontarjat, bħall-ambjent sostenibbli, l-arti, mużika, sport, edukazzjoni, kultura, drittijiet ċivili u l-qasam taż-żgħażagħ. Apparti hekk, din is-sena parti mill-fondi se jkunu ddedikati għat-tisħiħ tal-inklużjoni relatat mas-saħħa u d-diżabilità. Se jkunu enfasizzati proġetti u inizjattivi li jippromwovu jew jgħinu sabiex ikollna komunità aktar inklussiva.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, iddeskriviet il-qasam tal-volontarjat bħala polz fil-komunità li permezz tiegħu titwassal stampa aktar ċara u diretta tal-ħajja komunitarja. “Huwa għalhekk li hija mistħoqqa l-ispalla li nipprovdulhom. Spalla li biha inkomplu ninċentivawhom f’ħidmiethom, ħidma li min-naħa tagħha tkompli tkun ta’ sostenn għal dak li jkun diġà qed joffri l-Istat fil-qasam partikolari. Eżempju tipiku hija l-għaqda volontarja Soup Kitchen OFM Valletta li mis-sit qed inniedu l-iskema VOPS għal din is-sena. Soup Kitchen OFM Valletta, għandha l-għan li tipprovdi ikel lil dawk l-aktar fil-bżonn. B’hekk qed naraw b’mod prattiku kif il-fondi VOPS għenu sabiex tħaddmet din l-inizzjattiva, imma qed naraw ukoll kif ħafna għaqdiet, permezz ta’ dawn il-fondi, jieħdu dik l-enerġija li għandhom bżonn biex jibdew il-proġett u wara li jispiċċaw il-fondi, il-proġett jibqa’ b’saħħtu u ħaj,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Sur Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li “permezz tal-iskema VOPS, qed naraw b’mod tanġibbli l-frott kbir li dawn il-mijiet ta’ proġetti li jidħlu għalihom għaqdiet volontarji minn kull sfera tal-ħajja qegħdin iħallu fis-soċjetà tagħna. Huwa ta’ pjaċir ukoll li naraw li wara li l-fondi jkunu ntużaw, ħafna minn dawn il-proġetti jibqgħu attivi, b’saħħithom, u jibqgħu jagħmlu ġid kontinwu kif qed naraw hawnhekk fis-Soup Kitchen li hija inizjattiva ħajja fil-qalba tal-komunità”.

Soup Kitchen OFM Valletta, hija waħda mill-għaqdiet volontarji li bbenefikaw mill-fondi VOPS. Permezz tal-iskema ngħata taħriġ lill-voluntiera, sar xogħol infrastrutturali, manutenzjoni tal-bini u anke pubblikazzjoni ta’ materjal informattiv u promozzjonali biex is-servizz jasal għand min għandu l-aktar bżonn. Saret ukoll app għal donazzjonijiet minn supermarkets permezz tal-fondi SIS. Matul is-sena li għaddiet Valletta Soup Kitchen ipprovdiet aktar minn 120,000 ikla u kienet ir-rebbieħa ta’ Malta tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew 2023.

L-applikazzjonijiet għall-iskema VOPS ta’ din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mit-Tnejn 11 ta’ Settembru u se jintlaqgħu sa nofsinhar tal-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru 2023. Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni sabiex tkun ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni. L-għaqdiet volontarji kollha li huma rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji huma eliġibbli għall-fondi.

L-iskema ta’ finanzjament Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) 2024 hija inizjattiva mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. Aktar informazzjoni minn maltacvs.org.