L-iskop ewlieni tal-fondazzjoni hu biex tfassal u taħdem fuq pjan ta’ azzjoni dwar il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija u tieħu ħsieb il-koordinament u l-eżekuzzjoni tiegħu. Din il-fondazzjoni sa tkun qed taħdem biss fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu man-Naħla Maltija. Se nkunu qed naħdmu fuq dawn l-objettivi li huma bbażati fuq l-għan prinċipali:
(a) Tgħarraf bl-importanza tan-Naħla Maltija għall-ambjent naturali ta’ pajjiżna (ekoloġija) u għas-settur tal-apikultura u f’iktar sens wiesgħa dak agrikolu.
(b) Tgħarraf li n-Naħla Maltija tagħmel parti mill-patrimonju naturali Malti u għalhekk jistħoqqilha li tiġi kkonservata b’mod olistiku.
(ċ) Tinkoraġġixxi l-għarfien, it-trobbija u r-riċerka fuq in-naħla endemika Maltija.
(d) Tiġbor taħt umbrella waħda u tikkordina entitajiet varji, individwi u organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom interess fil-konservazzjoni tan-Naħla Maltija.
(e) Tagħmel pressjoni biex jiġi mfassal pjan sabiex in-Naħla Maltija tkun protetta b’mod olistiku.