Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat tellgħa Seminar ta’ Taħriġ indirizzat għall-Amministraturi ta’ Għaqdiet Volontarji. Dan is-Seminar sar nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru 2013 ġewwa id-Dolmen Resort Hotel, Qawra bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 120-il Amministratur.
Is-Seminar ġie fi tmiemu wara ġurnata ta’ ‘workshops’ b’indirizz tal-għeluq tal-Ministru Helena Dalli, Ministru risponsabbli mid-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.
Siltiet mid-diskors tal-Ministru Dalli:
- Uħud mill-għaqdiet jistgħu iħossu li mhux isibu biżżejjed voluntiera għall-ħidma tagħhom u probabilment għandhom raġun. Biss dan mhux bilfors jindika li l-voluntiera qed jonqsu. Hemm bosta rejaltajiet li l-volontarjat irid iħares lejhom, rejaltajiet li jaffettwaw kemm wieħed isib voluntiera għall-għan partikolari.
- Li hu żgur hu li l-voluntiera qed jinbidlu, qed jinbidlu għal bosta raġunijiet. Waħda mir-raġunijiet hija rejalta’ ta’ soċjeta’ li qed toffri opportunitajiet diversi f’dinja kemm xejn magħġġla, liema rejalta’ tapplika wkoll għal-qasam tal-volontarjat. Jekk wieħed iħares lejn ix-xenarju tal-għaqdiet tletin sena ilu jintebaħ illi dan inbidel kompletament, illum insibu li nibtu għexieren ta’ għaqdiet f’oqsma diversi. Jekk wieħed iħares lejn l-għaqdiet fl-oqsma soċjali, tas-saħħa u persuni b’disabilita’ li qabel kont tgħoddhom, illum nibtu sabiex jindirizzaw aspetti varji u speċjalizzati. L-istess ġara fl-oqsma ambjentali, dawk sportivi u dawk fuq l-arti u l-kultura.
- Dan huwa riżultat pozittiv, biss riżultat li jġib miegħu sfida għal dawk li qed imexxu lill-istess għaqdiet. Kif inbidlu l-voluntiera hemm il-bżonn li jinbidlu wkoll l-għaqdiet tal-volontarjat, mhux daqstant f’dak li huwa l-operat tagħhom, iżda f’dak li huwa l-mod kif imexxu l-istess operat, iżda fuq kollox, kif jiġbdu, jħarrġu u jieħdu ħsieb tal-voluntiera.
- Hemm bosta rejaltajiet u għaqdiet li qeghdin jikkompetu speċjalment għall-ħin taż-żgħażagħ, u għalhekk wieħed irid ikun jaf kif ibiegħ l-għaqda tiegħu sabiex jiġbed demm ġdid. U meta wieħed jirnexxielu jiġbed voluntiera, hemm jibda x-xogħol ta’ veru, trid tkun preparat li tħarreġ lill-voluntiera u tagħtihom x’jagħmlu għax jekk le dawn jiddejqu u jitilqu. Fil-fatt dawk l-għaqdiet li għarfu dan qed jikbru u jsibu voluntiera ġodda, fejn l-attivita’ tagħhom qed tikber u tagħti l-frott, min le jaf qed jaffaċċja r-riskju ta’ mewta naturali.
- Huwa fatt li l-qasam tal-volontarjat hemm bżonn li jkun sostnut sabiex ikun jista’ fejn hemm bżonn jaġġorna ruħu f’dan l-aspett, aspett li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qed jgħin fih permezz ta’ taħriġ u konsultazzjoni sabiex l-għaqdiet jissaħħu fit-tmexxija tagħhom.
- Għal dan il-għan tal-Gvern huwa li jsostni lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fil-ħidma tiegħu fit-tisħieħ tas-Settur permezz ta’ għajnunu kemm fit taħriġ kif ukoll fl-aċċess għall-istess settur għall-fondi.
- Fil-fatt il-Gvern din is-sena ivvota għas-sena 2014 s-somma ta’ €150,000 sabiex ikun sostnut u msaħħaħ l-operat tal-istess Kunsill, flimkien mas-somma ta’ €50,000 sabiex ikunu investiti speċifikament għat-taħriġ tas-settur. Hemm ivvutata wkoll is-somma ta’ €60,000 għall-iskema li jħaddem il-Kunsill sabiex isiru proġetti mis-settur tal-Volontarjat.
- Fl-istess Budget 2014 tħabbar li ser ikunu vvutati €1,865,000 sabiex iseħħ il-proġett taċ-Ċentru tal-Volontarjat, liema proġett għandu jkun xprun għal taħriġ u għajnuna oħra li s-settur għandu bżonn.
- Il-volontarjat huwa sieħeb essenzjali fis-soċjeta li ngħixu u hemm bżonn li jkun sostnut kemm mill-istat kif ukoll minn kull individwu li jagħmel parti mill-istess soċjeta, u dan jista’ biss iseħħ jekk ikun hemm għarfien u apprezzament sħieħ tal-valuri tal-volontarjat, valuri li huwa l-obbligu ta’ kull min hu nvolut fl-stess settur li jindokra u jippromovi.