Imħabbra skema ta’ fondi għall-għaqdiet volontarji għal proġetti u inizjattivi fil-komunità
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) għadu kif reġa’ nieda l-iskema Small Initiatives Support Scheme (SIS) li l-għan tagħha hu li tgħin b’mod tanġibbli finanzjarjament lill-għaqdiet volontarji. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
It-tnedija ta’ din l-iskema saret għand l-għaqda Friends of the Earth Malta (FOEM), li għamlet użu minn din l-iskema permezz ta’ proġett li kellu l-għan li jsaħħaħ il-ħiliet tal-għaqda, kemm tal-impjegati, il-membri u l-voluntiera, u joħloq strateġija sabiex l-għaqda tkun aktar finanzjarjament sostenibbli fl-operat tagħha. Dan għandu jgħin sabiex l-għaqda tkun f’pożizzjoni aħjar li tkompli twettaq in-numru ta’ proġetti ambjentali li timplimenta fil-komunità.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tenniet li sena wara oħra, din l-iskema qed tkun ta’ spalla kbira għal ħafna għaqdiet volontarji. “Minn meta bdiet fl-2011, l-iskema SIS wasslet għall-implimentazzjoni ta’ aktar minn 420 proġett permezz ta’ investiment dirett fl-għaqdiet volontarji tagħna. Dan sar permezz ta’ għajnuna ta’ aktar minn €1.2 miljun. Bħala Gvern se nkomplu nintensifikaw l-għajnuna li noffru biex aktar proġetti ta’ fejda fil-komunitajiet tagħna jibqgħu jieħdu l-ħajja,” temmet tgħid il-Ministru.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill, Gertrude Buttigieg, stqarret, “Kull sena qed inkomplu naraw konkorrenza għal dawn il-fondi, li l-għaqdiet issa saru jistennew b’ħerqa u li dejjem ikollhom biżżejjed applikazzjonijiet sabiex minnhom jintgħażlu proġetti tal-aqwa kwalità li bihom jagħmlu l-ġid fil-komunità”.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, qal li l-varjetà ta’ proġetti li jiġu attwati permezz ta’ skema bħall-SIS hija xhieda tas-suċċess ta’ servizz bħal dan li jiġi offrut lill-għaqdiet. Kompla li kemm jekk relatat ma’ inklużjoni, sport, arti, ambjent jew wieħed mis-setturi l-oħra fil-qasam, is-SIS hija skema flessibbli bi proċess trasparenti mill-fażi tal-ftuħ tal-applikazzjonijiet, sal-evalwazzjoni, l-implementazzjoni tal-proġetti sar-rappurtaġġ finali tal-proġett.
L-allokazzjoni totali għall-iskema mħabbra huwa ta’ €180,000, fejn kull applikazzjoni tista’ titlob sa massimu ta’ €5,000 għal kull proġett jew inizjattiva. L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 29 ta’ Mejju 2024 sa nofsinhar tal-Erbgħa 10 ta’ Lulju permezz tas-sit elettroniku vofunding.org.mt. Ser isiru wkoll żewġ laqgħat ta’ informazzjoni sabiex jgħinu lill-applikanti matul il-proċess tas-sottomissjoni u biex jifhmu aħjar il-linji gwida inklużi l-prijoritajiet. Idħol HAWN biex tirreġistra għal waħda minn dawn il-laqgħat.
L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Launch of the Small Initiatives Support Scheme (SIS) 2025
MCVS has launched the Small Initiatives Support Scheme (SIS) 2025. Applications open on vofunding.org.mt on Wednesday 29th May at noon and will remain open until Wednesday 10th July at noon.
Total budget for this scheme is €180,000, with each application requesting a maximum of €5,000 for a project or initiative in the community. Information meetings have also been announced in order to guide VOs during the application process – click HERE to register.