Skema li se toffri sapport finanzjarju lill-għaqdiet volontarji u anke lill-membri ta’ għaqdiet volontarji fuq bażi individwali
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) nieda għal darb’oħra t-Training Initiatives Scheme. Għal din l-iskema hemm allokati €40,000, u permezz tagħha għaqdiet volontarji u membri ta’ għaqdiet volontarji jistgħu jiksbu sapport finanzjarju għat-taħriġ tagħhom.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet fl-Oratorju tas-Salesjani ta’ Don Bosco, fejn tkellmet ma’ membri mill-għaqda li ħadu taħriġ permezz ta’ din l-iskema fi snin preċedenti.
L-iskema fiha żewġ programmi separati, wieħed għall-individwi membri ta’ għaqdiet volontarji sabiex jattendu taħriġ, u l-ieħor fuq livell organizzattiv għall-għaqdiet. It-taħriġ jista’ jkun kemm lokali jew anki barra minn Malta fil-każ ta’ individwi, filwaqt li l-attendenza tista’ tkun kemm fiżika jew anki online. Is-suġġett tat-taħriġ għandu jkun jew relatat speċifikament max-xogħol tal-għaqda volontarja jew inkella fuq il-volontarjat b’mod ġenerali.
Minn meta twaqqfet din l-iskema fl-2018, ibbenefikaw minnha 131 għaqda volontarja jew membri ta’ għaqda volontarja u l-fondi kienu jammontaw għal madwar €300,000.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza ta’ din l-iskema bħala għodda li qed tħalli differenza tanġibbli fl-operat u s-servizz mogħti lill-komunità mill-għaqdiet volontarji. “Fis-snin li għaddew, din l-iskema kienet kruċjali biex membri jew individwi li għandhom għal qalbhom il-volontarjat, ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom u joffru l-aħjar servizz possibbli permezz tal-proġetti u l-inizjattivi li huma jwasslu,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Gertrude Buttigieg qalet, “Sabiex kull għaqda tibqa’ relevanti għandha bżonn taġġorna u titħarreġ, u għandha bżonn membri li jibqgħu jitħarrġu b’mod kontinwu. Din l-iskema qed toffri l-inċentiv u opportunità biex dan iseħħ mingħajr ma l-għaqda tkun qed tieħu fondi minn ġewwa, li ħafna drabi jkunu diġà limitati.”
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal, “Din l-iskema se tkun qiegħda ssaħħaħ l-abbiltajiet tal-membri tal-għaqdiet. Permezz ta’ din l-iskema se nkomplu naraw settur li jkompli jissaħħaħ fis-suġġetti u l-oqsma fejn iħoss li hemm dan il-bżonn.”
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Ħamis 22 ta’ Frar 2024 f’nofsinhar u tagħlaq il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu 2024 f’nofsinhar. Ser isiru wkoll żewġ laqgħat ta’ informazzjoni sabiex ikunu ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni. Dawn ser ikunu t-Tnejn 4 ta’ Marzu fil-11am u fis-6pm u għaqdiet volontarji interessati fl-iskema huma mħeġġa li jattendu.
L-għaqdiet li japplikaw jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Aktar informazzjoni u l-applikazzjoni tinsab vofunding.org.mt.