Ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat sabiex ikomplu jsaħħu l-ħidma ta’ bejniethom.
Dan il-ftehim se jkun qed iżid il-kollaborazzjoni fuq inizjattiva ġdida taħt il-Youth Engage Scheme, li hija parti mill-Youth Volunteer Service tal-MCVS, fejn żgħażagħ b’diżabilità se jkunu jistgħu jtejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom permezz ta’ xogħol prattiku f’organizzazzjonijiet volontarji. Din l-inizjattiva tgħin ukoll sabiex iż-żgħażagħ parteċipanti jkunu inklużi u integrati fis-soċjetà u toffrilhom opportunitajiet sabiex jitgħallmu ħiliet ġodda.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Inklużjoni se tkompli toħloq aktar opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità biex ikunu inklużi fil-komunità. Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li din l-inizjattiva tirrigwarda Objettiv 9 u 10 tal-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fejn tisħaq fuq ħajja indipendenti fil-komunità u opportunitajiet ta’ xogħol u impjieg għall-persuni b’diżabilità.
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, irrefera għal din il-kollaborazzjoni bħala pass ieħor lejn l-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-aġenzija li tkompli tkabbar l-opportunitajiet li jwasslu biex persuni b’diżabilità jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità. Dan il-ftehim se joffri possibilità ta’ xogħol, f’dan il-każ ma’ entitajiet volontarji, u spazju fejn persuni b’diżabilità li għandhom bżonn jakkwistaw ħidma fil-prattika fuq il-post tax-xogħol ser ikunu jistgħu jagħmlu dan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo qal li, “Dan il-ftehim joħloq opportunità sabiex entitajiet differenti jikkollaboraw billi jgħaqqdu l-kompetenzi rispettivi tagħhom għall-benefiċċju tas-soċjetà. Għandek Aġenzija Sapport, li għandha l-polz tas-settur tagħha fil-qasam tad-diżabilità, qed tingħaqad magħna f’dan il-proġett fejn l-MCVS għandna numru ta’ inizjattivi u kuntatt kontinwu mal-għaqdiet volontarji. B’dan il-ftehim allura se nkunu nistgħu nikkollaboraw u ntejbu s-servizzi rispettivi tagħna.”
Preżenti għal dan l-iffirmar tal-ftehim kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Camilleri.