Titnieda l-iskema NGO Co-Financing Fund 2024

Titnieda l-iskema NGO Co-Financing Fund 2024 li tgħin lill-għaqdiet volontarji japplikaw għal aktar fondi Ewropej

Din l-iskema se tipprovdi lill-għaqdiet volontarji l-persentaġġ ta’ ko-finanzjament li l-fondi Ewropej ma jkoprux

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) reġa’ nieda l-iskema NGO Co-Financing Fund (NCF) għal din is-sena, b’allokazzjoni ta’ €150,000. Din l-iskema se tgħin għaqdiet volontarji fil-ko-finanzjament ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej.

Dan il-fond huwa intenzjonat li jikkumplimenta u mhux li jissostitwixxi l-Fondi Ewropej, inkluż dawk tal-Unjoni Ewropea, EEA Grants, Norway Grants, Ftehimiet Bilaterali u fondi tal-Kunsill tal-Ewropa. F’tmien snin, minn meta twaqqfet din l-iskema, ġew allokati għaliha €1.2 miljun.

It-tnedija tal-iskema saret fil-Fratellanza tas-Santissmu Sagrament ta’ San Ġorġ Ħal-Qormi, li hija waħda mill-għaqdiet li bbenefikaw minn fondi Ewropej u mill-NCF, fejn saret il-konservazzjoni u r-restawr ta’ 14-il pittura, inkluż dik ta’ Francesco Zahra “Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju”, flimkien ma’ vestwarju biex jintuża mit-tfal fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza ta’ din l-iskema li ma’ kull sena li tgħaddi, aktar għaqdiet volontarji qed isibuha ta’ sostenn kruċjali biex ikunu f’pożizzjoni li  jibdew proġetti b’fondi Ewropej. “Se nkomplu nsaħħu din l-iskema li qed toffri opportunità lil ħafna għaqdiet volontarji jikkonkludu proġetti ta’ fejda fil-komunità, li mingħajr dan il-persentaġġ ta’ finanzjament jitilfu l-opportunità li jimplimentaw numru ta’ proġetti li minnhom igawdi kulħadd,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, Gertrude Buttigieg, qalet li l-fondi tal-Kunsill joffru għajnuna prattika lill-għaqdiet, sew jekk humiex għal proġetti, taħriġ, parteċipazzjoni f’fora internazzjonali jew f’dan il-każ sabiex jgħinu l-għaqdiet f’proġetti ffinanzjati b’fondi Ewropej. “Il-Kunsill ser ikompli jisma’ x’qed jgħidu l-għaqdiet sabiex bil-ħidma tagħna nkomplu nipprovdu s-sapport meħtieġ kull fejn jiġi identifikat li hemm bżonn”.

Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li “għalkemm l-NCF ma jkoprix persentaġġ kbir mill-proġett innifsu, dan il-fond huwa essenzjali għall-għaqdiet għax mingħajru ma jkunux jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej. Ħafna drabi l-fondi Ewropej jagħtu sa 80% tal-fondi biex l-għaqda twettaq proġett, imma l-għaqdiet ma jkollhomx il-bqija tal-20% u allura jispiċċaw joqgħodu lura milli jużaw il-fondi Ewropej. B’din l-iskema, il-pajjiż qiegħed jiggwadanja mhux biss permezz tal-użu tal-fond inniffsu, imma billi jġib aktar fondi Ewropej lejn Malta għall-ġid tal-komunitajiet tagħna”.

L-applikazzjonijiet għall-iskema NCF ta’ din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mit-Tnejn 29 ta’ Jannar 2024 f’nofsinhar u se jieħdu l-fondi dawk eliġibbli li japplikaw l-ewwel. L-iskema tagħlaq hekk kif il-fondi kollha jiġu eżawriti. Ser isiru wkoll żewġ laqgħat ta’ informazzjoni sabiex ikunu ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni. Dawn ser ikunu l-Ġimgħa 26 ta’ Jannar fl-10am u fl-4pm. Għaqdiet volontarji interessati fl-iskema huma mħeġġa li jattendu.

L-għaqdiet li japplikaw jeħtieġ li jkunu reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Aktar informazzjoni dwar din l-iskema tista’ tiġi aċċessata fuq www.maltacvs.org u https://vofunding.org.mt/funds/149.