Għaqdiet volontarji jingħataw madwar €1 miljun f’fondi biex iwettqu 87 proġett fil-komunità
Ingħataw madwar €1 miljun f’fondi lill-għaqdiet volontarji biex matul din is-sena jimplimentaw 87 proġett ġdid li se jagħmlu differenza fil-komunità. Dawn il-fondi huma parti mill-iskemi tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u l-iSmall Initiatives Scheme (SIS), amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Il-proġetti magħżula jvarjaw minn dawk ta’ inklużjoni permezz tal-mużika u l-arti, proġetti sportivi inkluż għal tfal b’diżabilità, proġetti infrastrutturali fil-binjiet tal-għaqdiet, riċerki u varjetà kbira ta’ proġetti oħra, inkluż dawk relatati mal-kultura, ambjent u edukazzjoni.
Permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi, sa mit-twaqqif tagħhom, ġew implimentati ‘l fuq minn 700 proġett bil-fondi jammontaw għal €7.8 miljun.
L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, miċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Gertude Buttigieg u mill-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Nancy Caruana u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tenniet l-importanza ta’ dawn l-iskemi li joffru għajnuna lill-għaqdiet volontarji u li huma kruċjali għalihom biex jimplimentaw proġetti fil-komunitajiet tagħna.
“Għax dan il-Gvern jagħraf il-bżonn ta’ settur volontarju b’saħħtu, hekk kif jemmen li huwa pilastru ewlieni fi ħdan is-soċjetà, skemi bħal-SIS u VOPS se jibqgħu jissaħħu fiż-żmien li ġej. Nafu li s-soċjetà inġenerali tibbenefika minn kull proġett li joħroġ minn dawn il-fondi. Apparti l-bosta skemi li qed inniedu fuq bażi regolari, determinati li nkomplu nagħmlu ħajjet il-voluntiera tagħna aktar faċli permezz ta’ liġijiet li jkomplu jnaqqsu l-burokrazija żejda,” temmet tgħid il-Ministru.
Min-naħa tagħha, Gertrude Buttigieg faħħret lill-għaqdiet li applikaw b’suċċess għal dawn il-fondi sabiex jimplimentaw l-proġetti tagħhom. Tenniet li l-Kunsill ser ikun qed jgħin lil dawn l-għaqdiet u jsegwi l-proċess ta’ implimentazzjoni sabiex il-fondi jintużaw bl-aħjar mod għall-ġid kemm tal-għaqda u anki tas-soċjetà.
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS semma kif il-konkorrenza għal dawn il-fondi dejjem qed tiżdied u qed jintgħażlu proġetti ta’ kwalità għall-ġid tal-komunità.
L-iskemi Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u Small Initiatives Scheme (SIS) huma inizjattivi mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn maltacvs.org. L-għaqdiet volontarji kollha eliġibbli għall-fondi, inkluż dawk VOPS u SIS, huma reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.